L-Ambjent fil-Għargħur: Aktar minn Kampanja Sabiħa, Responsabbiltà għall-Kwalità tal-Ħajja
Mar 5, 2026

Meta nitkellmu dwar l-ambjent fil-Għargħur, ħafna drabi nġibu quddiem għajnejna l-kampanja ta’ madwarna, il-widien miftuħa u l-veduti sbieħ li jagħtu lill-lokalità tagħna karattru uniku. Dawn huma parti essenzjali mill-identità tagħna u għandhom jibqgħu protetti.
Imma fil-verità l-ambjent ta’ Ħal Għargħur huwa biss dak il-ġojjel bl-ispazji ħodor?
L-ambjent huwa ħafna aktar minn hekk. Jinkludi l-kwalità tal-arja fit-toroq tagħna, il-livell tat-traffiku li jgħaddi minn żoni residenzjali, is-sigurtà pedonali, il-livelli ta’ storbju li jesperjenzaw il-familji, u l-mod kif jiġi ppjanat u mmaniġġjat l-iżvilupp. Hija kwistjoni ta’ kwalità tal-ħajja, mhux biss veduti sbieh.
Ħal Għargħur għandu pożizzjoni partikolari f’Malta, billi jżomm il-karattru ta’ raħal waqt li jinsab qrib ċentri urbani. Postijiet storiċi bħall-Victoria Lines ifakkru li l-ambjent tagħna huwa wkoll kulturali u storiku.
Matul il-ħidma tiegħi bħala Sindku tal- Għargħur, emmint li r-responsabbiltà ambjentali teħtieġ azzjoni konkreta u deċiżjonijiet ibbażati fuq studju professjonali. Għalhekk, ikkollaborajna mal-Università ta' Malta sabiex jitwettaq studju ħolistiku dwar it-traffiku tal-vetturi ġewwa u madwar il-lokalità. L-għan ta’ dan l-istudju ma kienx biss li jitkejjel il-volum tat-traffiku, iżda li jiġu analizzati l-movimenti, jiġu identifikati punti ta’ pressjoni, jiġu evalwati kwistjonijiet ta’ sigurtà u jiġu proposti soluzzjonijiet sostenibbli fit-tul.
L-immanigjar tat-traffiku mhuwiex biss kwistjoni ta’ mobilità, izda wkoll kwistjoni ambjentali. Il-konġestjoni taffettwa l-kwalità tal-arja, iżżid l-istorbju u tnaqqas is-sigurtà fit-toroq.
Meta nindirizzaw il-ħarsien tal-ambjent ma jfissirx li nwaqqfu l-iżvilupp, izda jfisser li nippjanaw b’għaqal. Ifisser li nsibu bilanċ bejn it-tkabbir u s-sostenibbiltà. Ifisser li nieħdu deċiżjonijiet infurmati li jħarsu l-ġid tal-lum u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
Lokalità tista’ tkun imdawra b’kampanja sabiħa, imma jekk it-traffiku jiżdied bla kontroll u l-infrastruttura ma tkunx immaniġġjata sew, nistgħu verament ngħidu li qed nipproteġu l-ambjent?
Forsi l-mistoqsija vera hija din:
Aħna kuntenti li nħarsu biss lejn dak li jidher, jew lesti nieħdu l-passi meħtieġa biex nipproteġu l-ambjent li ngħixu fih kuljum, u nibnu komunità sostenibbli?
Dan huwa proċess li jitlob involviment kontinwu tal-komunità. Il-protezzjoni tal-ambjent ma tistax tkun biss politika fuq il-karta, iżda kultura li ngħixuha kuljum: fil-mod kif nimxu fit-toroq tagħna, fil-mod kif nirrispettaw l-ispazji pubbliċi, u fil-mod kif nieħdu sehem fid-diskussjonijiet dwar l-iżvilupp tal-lokalità.
Jekk verament inħobbu l-lokalità tagħna, irridu nkunu kuraġġużi biżżejjed biex nieħdu deċiżjonijiet li forsi ma jidhrux immedjatament, imma li jiggarantixxu kwalità ta’ ħajja aħjar illum u fil-futur. Għax il-ħarsien tal-ambjent mhuwiex slogan, huwa responsabbiltà lejn xulxin u lejn il-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Illum aktar minn qatt qabel, il-Għargħur jeħtieġ deċiżjonijiet kuraġġużi. Deċiżjonijiet li jpoġġu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti qabel il-konvenjenza temporanja. Deċiżjonijiet ibbażati fuq studju, fuq fatti u fuq viżjoni fit-tul.
L-ambjent ma jistax jibqa’ kelma sabiħa fid-diskorsi iżda jrid jittraduċi ruħu f’politika ċara.
Jekk irridu li wliedna jibqgħu jgawdu l-istess Għargħur li nħobbu aħna, irridu naġixxu llum. Mhux kontra l-iżvilupp, iżda favur żvilupp responsabbli u sostenibbli.

